L-ewwel kunċert mill-Baritonu Għawdxi ta’ 19-il sena

Il-baritonu żagħżugħ Charles Buttigieg, li għandu 19-il sena se jagħti kunċert fit-28 ta’ Diċembru fil-lukanda Kempinski f’San Lawrenz Għawdex. Dan huwa l-ewwel kunċert pubbliku tiegħu wara li daħal fl-Istitut ta’ Curtis f’Philadelphia fl-Amerka.

Fil-kummenti tiegħu Joseph Calleja kien iddiskrivih bħala ‘talent rari’. Ix-xahar li għadda huwa kellu stedina biex  ikanta f’attività privata ġewwa New York fil-preżenza tas-sopran Renee Flemings u l-mezzo soprano Dolora Zajic. F’Għawdex huwa ħa jkun akkumpanjat fuq il-pjanu minn Mro John Galea.

Iż-żagħżugħ qal li jħossu pprivileġġat li qed jirċievi t-tagħlim tiegħu minn dawn l-għalliema u diġà tgħallem ħafna kemm ilu jattendi f’dan l-Istitut. Huwa qed jittama li f’dan il-kunċert juri dak li tgħallem.

Buttiġieg qal li l-fatt li jixtieq ikun kantant professjonali u li jkun ‘il bogħod mill-familja u l-ħbieb mhux faċli. Iżda żied li hu sab sapport kbir kemm minn Joseph Calleja nnifsu kif ukoll mill-BOV Joseph Calleja Foundation.

Il-kunċert se jibda fit-8.00pm. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz tal-email fuq jpfoundation@gmail.com jew billi wieħed jista’ jibgħat messaġġ bid-dettalji tiegħu fuq 99441076. Id-dħul huwa b’xejn madanakollu donazzjonijiet huma apprezzati.