Rigal għal Monsinjur Philip Calleja f’għeluq id-90 sena

Ritratt: Ian Noel Pace

Monsinjur Philip Calleja ingħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi għas-sena 2018 bħala rikonoxximent għall-ħidma u l-appoġġ li ta lid-Dar tal-Providenza. Huwa ngħata dan ir-rikonoxximent f’għeluq id-90 sena tiegħu.

Wara l-mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi f’Mejju ta’ l-1987, Monsinjur Calleja kien ingħata l-inkarigu mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Ġużeppi Mercieca biex jorganizza l-funeral u biex jieħu ħsieb it-tmexxija tad-Dar sakemm bħala Direttur Ġdid kien inħatar Monsinjur Lawrence Gatt.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef ħabbar dan waqt kunċert li sar fil-Katidral tal-Imdina mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-patroċinju tal-President Marie Louise Coleiro Preca u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

Min huwa Monsinjur Philip Calleja?

Monsinjur Philip Calleja ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu tal-1953 u l-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet l-iżjed mat-tfal tal-Belt. Tliet snin wara l-Arċisqof Mikiel Gonzi ħatru Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof u din kienet ħatra providenzjali għad-Dar tal-Providenza.

Dak iż-żmien f’Malta, numru ta’ tfajliet Maltin kienu jiżżewġu ma’ rġiel tas-Servizzi Ingliżi. Dun Philip kien jaf il-Kappillani tas-Servizzi kollha u meta s-Servizzi ġew biex iħallu l-Barracks tagħhom fis-Siġġiewi. Kien hawnhekk li applika biex il-Knisja f’Malta tuża dik l-art li aktar ‘il quddiem saret id-Dar tal-Providenza.

Monsinjur Philip Calleja illum huwa Arċidjaknu tal-Kapitlu Metropolitan u għadu jgħin f’Dar l-Emigrant.

“Ma ngħinux għax nitħasasruhom” – Fr Martin

F’messaġġ tal-okkażjoni, id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef qal li l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ karatteristika li tiddistingwieh. Madankollu appella biex l-għajnuna tibqa’ tingħata mhux għax “nitħassru” lir-residenti tad-Dar, iżda għax nirrispettaw id-dinjità tagħhom.

Tkellmet ukoll Alishia Xuereb Jones, ġenitur ta’ persuna bl-awtiżmu, li saħqet dwar l-importanza li jitwarrbu l-preġudizzji fil-konfront ta’ dawn il-persuni, għax inkella ixxekkel l-integrazzjoni tagħhom.

“Il-ħidma tiegħu simbolu tal-impenn tal-Knisja” – l-Isqof Galea-Curmi

Fl-intervent tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi faħħar il-ħidma ta’ Monsinjur Philip Calleja, li qal tkompli tissimbolizza l-impenn tal-Knisja Maltija biex tgħin lill-batut u l-emarġinati fis-soċjetà.

Il-Premju Dun Mikiel Azopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni jew organiżżazzjonijiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Għawdex.