230,000 talba għall-għajnuna mill-anzjani f’sena u nofs

Fis-sena u nofs ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-aħħar ta’ Ġunju li għadda, iċ-Ċentru tat-Telecare rċieva 229,585 telefonata minn anzjani li talbu xi forma ta’ għajnuna.
L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru responsabbli għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Mario Galea. Matul l-2013, daħlu total ta’ 149,262 telefonata għal għajnuna filwaqt li fis-sitt xhur ta’ bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, l-għajnuna mitluba diġà laħħqet 80,323 telefonata. 
Bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari separata, il-Ministru Farrugia spjega li bħalissa hemm 3,737 persuna li jgħixu f’2,755 dar li qed igawdu mis-servizz tal-Home Help għal total ta’ 7,162 siegħa fil-ġimgħa.