23% tas-self employed Maltin huma gradwati

Kważi kwart tal-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom livell ta’ edukazzjoni għoli skont statistika ġdida maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dawn jammontaw għal 22.5%. Intant 27.9% għandhom livell medju ta’ edukazzjoni u filwaqt li kważi n-nofs, jiġifieri 49.6% għandhom livell ta’ edukazzjoni baxx.

Meta wieħed iħares lejn l-età medja ta’ dawn il-ħaddiema, l-età medja fin-nisa hija dik ta’ 42 sena, filwaqt li fl-irġiel hija dik ta’ 45 sena.

Aktar minn 33,000 persuna self-employed f’Malta

Total ta’ 33,648 persuna kienu rreġistrati bħala persuni li jaħdmu għal rashom matul l-2017.

22,814-il persuna ma kellhomx persuni oħra impjegati magħhom. Skont l-istħarriġ jidher li 44.1% sostnew li ma jimpjegaw lil ħadd magħhom minħabba l-kundizzjonijiet tal-industrija, fosthom li ma għandhomx xogħol biżżejjed għal aktar persuni. Min-naħa l-oħra 23% kienu qed jikkunsidraw iħaddmu lil xi ħadd magħhom fil-futur.

Skont l-istħarriġ dawk li n-negozju tagħhom kien fuq bażi full-time kienu jaħdmu total ta’ 46.4 sigħat fil-ġimgħa, filwaqt li l-part-timers kienu jaħdmu total ta’ 24.4 sigħat fil-ġimgħa.

Il-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema ġejjin mill-industrija tas-snajja u xogħol ieħor relatat, total ta’ 26.7%, ħaddiema fid-dinja tal-kummerċ jammontaw għal total ta’ 22.5% filwaqt li 14.6% huma maniġers.

Ftit inqas minn 80% ta’ dawn il-ħaddiema kellhom aktar minn 9 klijenti fis-sena ta’ qabel iżda jidher li ma kellhomx klijenti li huma akbar minn oħrajn.

Għaliex għażlu negozju għal rashom?

L-istatistika tidħol ukoll fi spjega tar-raġuni għaliex dawn il-persuni għażlu li jaħdmu għal rashom. 11,209 sostnew li ddeċidew li jaħdmu għal rashom wara li waslitilhom opportunità li ma setgħux jirrifjutaw. 6,632 persuna sostnew li din hija prattika normali fl-industrija li jaħdmu fiha huma, filwaqt li 6,566 persuna oħra spjegaw li komplew jaħdmu fin-negozju tal-familja.

Il-maġġoranza ta’ dawn il-persuni, jiġifieri 90.4% sostnew li ma għandhomx ħsieb li jbiddlu l-karriera tagħhom.