23 sena mill-mewt ta’ Sammy Bartolo

Bħal-lum 23 sena ilu, fl-1997, kien ħalliena Sammy Bartolo, ikona fil-mużika lokali. Huwa kien twieled nhar it-18 ta’ Awwissu 1947. Kien bniedem dejjem riservat u kwiet u kien dejjem iħobb jaqdi lil ommu.

Meta kellu 9 snin kien jaqra fil-knisja u kien anke ħa sehem f’programm reliġjuż li kien jismu Il-Ġara li ġie organnizzat ġewwa l-Istitut Kattoliku. Hemmhekk kien ħa l-ewwel premju tiegħu.

Fl-istess żmien beda jieħu sehem fil-festival Żgħażagħ Ħaddiema Insara (ZHI).

Meta kellu 18 il-sena, Sammy kien iltaqa’ ma Joe S Grech. Dan wara li Sammy kien sema’ lil Joe jipprattika fuq il kitarra minn wara l-bieb tad-dar ta’ omm Joe. Dan seħħ peress li Sammy inżerta li kien qiegħed jagħmel ġabra biex jgħin lil xi organizzazzjoni reliġjuża. Hu saqsa lil omm Joe biex ikunu jistgħu jiltaqgħu. Kien impressjona ruħu u minn hemm kienet bdiet l-avventura mużikali ta’ Sammy fix-xena mużikali, fejn flimkien ma’ Joe bdew jipprattikaw fid-dar ta’ omm Sammy.

Joe S Grech u Sammy Bartolo  bdew jgħaqqdu il-grupp bilmod. Sadanittant iltaqgħu ma’ Joe Bartolo u krew kamra fil-Mellieħa fejn setgħu jibdew jipprattikaw flimkien.

Wara ftit saru jafu b’Paul Abela. Sammy staqsa lil missier Paul jekk ibnu kienx imħajjar jidħol fil-grupp. Paul kien diġa’ jaf idoqq il-pjanu Accordian. Minn hemm Paul żdied bħala membru fil-grupp. Dak iż-żmien ħadd ma kien ikanta kanzunetti Maltin minħabba li d-diski li kienu jindaqqu kienu bl-Ingliż jew bit-Taljan. In-New Cuorey kienu mill-ftit li bdew ikantaw u jdoqqu il-mużika Maltija.

F’dik il-habta ma kienx hawn id-diskoteki tal-lum u meta kellu madwar 18-il sena Sammy u l-membri ta’ New Cuorey bdew idoqqu fid-‘dances’.

Meta Sammy kellu madwar 21 sena, saru jafu bihom tal-lukanda Mellieħa Bay u minn hemm bdew idoqqu 6 t’ijiem fil-ġimgħa. Sammy kien anke beda jintroduċi l-Cabaret Shows ġewwa l-istess lukanda u baqgħu sejrin hekk għal 14-il-sena.

Sadanittant Sammy kien ukoll ikanta waqt funżjonijiet privati u tiġijiet.

Fl-1981, Sammy ħa sehem fil-Kanzunetta Maltija, bid-diska Poeżija u bl-istess kanzunetta bagħtuh jirrappreżenta lil-Malta fi Dresden, fil-Ġermanja. Fl-istess perjodu, Paul Abela siefer u mar Boston fl-Amerka jistudja l-mużika. Sammy minn hemm iddeċieda li jibqa’ jkanta solo ttivitajiet differenti.Fl-istess perjodu, Paul Abela siefer u mar Boston fl-Amerka jistudja l-mużika.

Il-grupp kien baqa’ għaddej, billi żdiedu żewg membri godda, meta imbagħad iddeċidew li jieqfu, wara sentejn fl-1982.

Fl-1972 in-New Cuorey ġew mistedna jdoqqu ġewwa Blackpool, Manchester, fl-Ingilterra.

Fl-1973 irrekordjaw l-ewwel diska, Vietnam, li ma kienitx marret tajjeb ħafna peress li kienet titratta fuq il-gwerra.

Fl-1977 In-New Cuorey kienu dehru fuq Graham Cable Tv ġewwa Toronto fil-Kanada. Ftit wara MCA Records tal-Kanada ħarġu s-single Id-Dgħajsa tal-Latini li ħarget fuq Vinyl ħamra, l-ewwel waħda tan-natura tagħha f’Malta.

Fl-1975 Sammy ħadem il-parti ta’ Kristu fil-musical Ikun Li Trid Int. Kienet fuq tape u fis-Snin 90 kien hemm il-ħsieb li ssir fuq CD. Iżda f’dik il-ħabta Sammy kien marad sew u l-proġett ma kienx laħaq sar.

Sammy Bartolo fil-jum tat-tieġ tiegħu

Sammy Bartolo żżewweġ lil Evelyn nhar il-31 ta’ Jannar 1971. Fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena huma kellhom l-ewwel wild, Claudette. F’Settembru 1975 twieldet Charlotte waqt li Nadine twieldet fl-1981. L-aħħar wild tagħhom, Luisana, twieldet fl-1987.

L-istorja ta’ New Cuorey tista’ ssegwiha f’din l-intervista li Joe S. Grech kellu waqt il-programm Family Affair li Eileen Montesin tippreżenta fuq Net TV.

Bla dubju li jgaħddu kemm jgħaddu snin, Sammy Bartolo u l-grupp New Cuorey jibqgħu fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin.