23 sena ilu: meta 9 tarznari ħallew lil kulħadd jibkihom

Bħal daż-żmien kull sena f’Malta titfakkar dik li titqies bħala l-agħar traġedja li qatt seħħet fuq il-post tax-xogħol f’Malta.
Kien proprju t-3 ta’ Frar ta’ 23 sena ilu, meta sploda t-tanker Libjan Um El Faroud fit-Tarzna.
Dakinhar kienu ħallew ħajjithom 9 ħaddiema.
Il-vittmi kienu George Aquilina ta’ 24 sena u George Xuereb ta’ 58 sena minn Ħal Qormi, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli, Paul Seguna ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Mario Hales ta’ 39 sena  mill-Mqabba, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt u Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar.
L-isplużjoni kienet seħħet fil-Baċir Nru 3, fl-10.25 ta’ filgħaxija, ftit minuti wara li l-ħaddiema kienu għadhom kemm bdew ix-xift ta’ bil-lejl.  Il-qawwa tal-isplużjoni kienet inħasset mll-inħawi kollha li jdawwru l-Port il-Kbir.
Mingħajr ix-xogħol… il-mewt – GWU
Sadanittant, ilbieraħ il-General Workers’ Union fakkret il-memorja ta’ dawn il-ħaddiema, meta uffiċjali tal-unjin żaru l-monument li kien tpoġġa fit-Tarzna b’rispett lejn it-tarznari kollha li tilfu ħajjithom.
Fi stqarrija l-GWU qalet li bħala unjin hin twieldet mill-ħwienet tax-xogħol u mill-uffiċini li jinsabu ftit metri bogħod mill-monument.
“Il-ħsibijiet tagħna ma jmorrux biss għal dawk il-familji li tilfu lill-maħbubin tagħhom, iżda jmorru wkoll għal dawk il-familji li xi darba jew oħra tilfu lil xi ħadd waqt ħidmietu”, stqarret l-unjin.
Il-GWU ħadet ukoll l-okkażjoni biex titkellem dwar il-qagħda tal-ħaddiema fit-Tarzna, li llum għaddiet f’idejn operatur barrani, li fi kliem l-unjin qed jagħmilha diffiċli biex dawn igawdu minn rappreżenza trejdunjonistika ħielsa.
“Lill-ħaddiema nqawwilhom qalbhom billi nassigurawhom li bħala GWU mhux se nħalluhom waħedhom”, ittemm tgħid l-istarrija tal-GWU.