23 sena ħabs għall-eks suldat li qatel lil Kuciak u l-għarusa tiegħu

REUTERS/Radovan Stoklasa

Read in English.

Il-Qorti Slovakka qatgħet is-sentenza fil-konfront tal-eks suldat Miroslav Marcek għall-qtil tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kusnirova fi Frar tal-2018. Huwa weħel 23 sena ħabs.

Marcek, li għandu 37 sena u ma kienx preżenti meta nqatgħet is-sentenza, ammetta li hu ħati li sara u qatel lil Kuciak u l-għarusa tiegħu. Dan il-każ kien wassal għal protesti kbar fis-Slovakkja, li eventwalment wasslu biex jaqa’ l-Gvern.

L-Imħallef Ruzena Szabova mill-Qorti Kriminali qalet li l-qtil kien wieħed malizzjuż, peress li l-vittmi ma ngħatawx ċans jiddefendu lilhom infushom. Il-Prosekutur Juraj Novocky, li talab li l-ħati jingħata sentenza ta’ 25 sena ħabs, oġġezzjona għas-sentenza ta’ 23 sena.

Hu u jidher il-qorti dwar il-każ ta’ Kuciak, Marcek ammetta li qatel lin-negozjant Peter Molnar fl-2016.

Kuciak kien jirrapporta fuq il-korruzzjoni u r-rabtiet bejn negozjonti ta’ importanza u l-mexxejja politiċi, ġudizzjarji u fil-pulizija.

FIl-Qorti Slovakka għaddejjin proċeduri legali kontra n-negozjant Marian Kocner, li kien fil-mira tar-rappurtaġġ ta’ Kuciak u li hedded lil Kuciak verbalment f’Settembru tal-2017, flimkien ma’ żewġ persuni oħra, fuq akkużi li ħallsu għall-qtil.

Il-ħames suspettat, Zoltan Andrusko, ammetta li ffaċilita l-qtil u ngħata 15-il sena ħabs f’Diċembru li għadda.