229 pulizija ġdid minn Marzu 2013

Kwart tal-pulizija reklutati fil-leġiżlatura preżenti kienu re-instatements.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Abela fisser li minn Marzu 2013 ġew reklutati 229 rekluta ġdid. Kien hemm ukoll 81 re-instatement ta’ eksmembri tal-Korp li reġgħu ssieħbu fil-Korp tal-Pulizija. Issieħbu mal-Korp ukoll tliet Spetturi tal-Pulizija minn barra l-Korp.
Fl-istess perjodu kienu reklutati wkoll 138 Kuntistabbli ta’ Riserva, li kif jindika t-titlu tagħhom jissejħu biex jgħinu lill-Korp f’każijiet ta’ ħtieġa biss.
Fi tweġiba separata, Abela spjega li dawk li ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija fl-2015 kienu 128.