222 impjegat ġdid mad-WSC qabel l-elezzjoni

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ingaġġat 222 ħaddiem ġdid fit-tliet xhur ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li għadda.
Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal dan fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Enfasizza li l-ingaġġ ta’ dawn il-ħaddiema kien konformi ma’ ċirkulari dwar ir-regolamenti taċ-ċivil maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Skont it-tabella ppreżentata fil-Parlament mill-Ministru Mizzi, jirriżulta li 177 tal-ħaddiema huma multi-skilled fitters.
Fit-22 ta’ Marzu li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Korporazzjoni kienet se żżomm l-istess impjiegi, u li l-ingaġġ kien qed isir biex ipatti għall-persuni li rtiraw mix-xogħol. Kien qal ukoll li l-ispiża tal-pagi ta’ dawn il-ħaddiema se tkun cost neutral sal-2018.
Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-ingaġġ ta’ 150 persuna. Saħqet li hu dubjuż li dawn il-persuni jiġu impjegati b’mod produttiv mal-Korporazzjoni, li fi kliemha ħafna minnhom ittieħdu mis-settur privat.  Żiedet tgħid li fil-lista tal-persuni qiegħda ma kienx hemm imniżżla fitters.