220 pazjent b’mard fil-kliewi; titjib fis-sistema tal-ilma fir-Renal Unit

Fl-aħħar snin sar investimant ta’ €5 miljun sabiex ġew mibdula l-magni kollha li jagħtu l-haemodialysis. Dan sar biex il-pazjenti jkollhom magni aktar efiċjenti u jħallu nqas strapazz fuqhom.

Bħalissa f’Malta hawn 220 pazjent b’mard tal-kliewi u jieħdu t-trattament tal-haemodialysis b’mod regolari fl-Isptar Mater Dei. Sabiex isir dan il-proċess jintuża ilma purifikat u għalhekk fir-Renal Unit hemm impjant tar-Reverse Osmosis li jippurifika l-ilma.

Waqt iż-żjara tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li, ’għal kull ċiklu ta’ haemodialysis jiġi użat madwar 200 litru ta’ ilma purifikat. U meta tqis li ta’ kull ġimgħa fl-Isptar Mater Dei jsiru 500 ċiklu ta’ haemodialysis, iċ-ċifri li jintużaw kull ġimgħa huma kbar

Fl-aħħar xhur sar ukoll investiment fuq magni portable li jippurifikaw l-ilma sabiex ikunu jistgħu jintużaw fi swali oħra fejn ukoll isiru l-haemodialysis, fosthom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija.