220 koppja jiżżewġu bil-maskli fil-Filippini

220 koppja li żżewġu flimkien fil-Belt ta’ Bacalod fil-Filippini kellhom jilbsu l-maskli protettivi minħabba l-coronavirus. Din iċ-ċerimonja, fejn ammont ta’ koppji jiżżewġu flimkien hija ffinanzjata kull sena mill-Gvern.

Però din is-sena l-pajjiż ħa miżuri ta’ prekawzjoni fosthom li kull persuna qabel daħlet għaċ-ċelebrazzjoni għaddiet minn screening kif ukoll ngħataw maskli protettivi għal kulħadd.

Il-coronavirus instab oriġinarjament fiċ-Ċina iżda s’issa nfirex f’madwar 30 pajjiż li jinkludu l-Istati Uniti, l-Ingilterra, il-Ġappun, it-Tajlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Italja. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat kriżi globali. Dan il-virus s’issa ħalla aktar minn 2,000 persuna mejta, ħafna aktar mis-774 persuna li mietu fl-2003 kaġun tal-epidemija tas-Sars.

Il-Korea t’Isfel huwa l-aktar pajjiż barra miċ-Ċina li għandu persuni infettati b’dan il-virus filwaqt li l-Italja hija l-aktar pajjiż fl-Ewropa. Il-Korea t’Isfel jinsab taħt alert dwar din il-marda minħabba li l-każijiet kuljum qed ikomplu jiżdiedu.

L-aktar pajjiż li s’issa hemm persuni li ġew ċertifikati li qed ibatu mill-coronavirus huwa ċ-Ċina b’aktar minn 77,000 każ. S’issa għadu mhux magħruf x’kienet il-kawża eżatta biex infirex il-coronavirus.  Skont l-awtoritajiet Ċiniżi, madwar 18,500 persuna fiequ minn dan il-virus.

L-ammont ta’ nies li mietu fiċ-Ċina kien wieħed stabbli madankollu meta mqabbel mal-epidemija tas-Sars, l-ammont ta’ nies li mietu kawża tal-Coronavirus huwa ferm iktar.

Aktar minn 600 persuna abbord il-vapur tal-passiġġieri Diamond Princess li bħalissa jinsab fil-port Ġappuniż ta’ Yohohama ġew iċċertifikati li qed ibatu mill-Coronavirus. S’issa huwa rreġistrat li abbord il-vapur mietu tliet persuni.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tappella li biex wieħed jevita kemm jista’ jkun il-possibilità li jieħu l-coronavirus għandu jaħsel idejh spiss u juża metodi siguri biex jipprepara l-ikel, jgħatti imnieħru meta jagħtas, jevita kuntatt ma’ persuni li għandhom riħ, isajjar tajjeb il-laħam u l-bajd u jevita li jiekol affarijiet li ġejjin mill-annimali li jgħixu fis-selvaġġ.