22 student itemmu kors fil-lingwa tas-sinjali f’Għawdex

Read in English.

22 student temmew b’suċċess kors fil-lingwa tas-sinjali f’Għawdex. Il-kors kien organizzat mill-Gozo Association for the Deaf (GAD). Għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Fid-diskors tagħha l-Ministru qalet li Malta tellgħet ‘il fuq l-aġenda tal-persuni neqsin mis-smigħ. Hija fakkret li l-Gvern irrikonoxxa l-lingwa tas-sinjali Maltija bħala lingwa uffiċjali kif ukoll twaqqaf kunsill apposta. Żiedet li l-Aġenzija Sapport toffri wkoll servizz ta’ interpreti tal-lingwa tas-sinjali.

Caruana kompliet li kien ta’ sodisfazzjon li l-Ministeru għal Għawdex alloka fondi biex jiġu ffinanzjati korsijiet fil-lingwa tas-sinjali Maltija kif ukoll inizjattivi oħra li qed twettaq il-GAD.

Matul din iċ-ċerimonja l-Ministru ħabbret li ntleħaq ftehim mad-djoċesi t’Għawdex biex fil-knejjes ikun hemm loop system. Spjegat li hemm pjan biex din is-sistema tkun ukoll fi spazji u binjiet pubbliċi.

Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-GAD għall-ħidma kbira li qed twettaq fis-soċjetà Għawdxija b’risq il-persuni neqsin mis-smigħ u assigurat li l-Ministeru għal Għawdex dejjem lest li jgħin u jassisti meta u fejn hemm bżonn biex il-bżonnijiet tal-persuni neqsin mis-smigħ f’Għawdex jiġu indirizzati.