22 propjetà oħra taħt protezzjoni patrimonjali

22 propjetà f’Tas-Sliema għadhom kemm ingħataw protezzjoni patrimonjali fi skala tnejn mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan sar wara li nstab li dawn id-djar għandhom kwalitajiet tradizzjonali, eklettiċi u diżinji Arti Nouveau.
Il-propjetajiet jinsabu madwar tliet inħawi fiż-żoni ta’ konservazzjoni urbana f’Tas-Sliema u għandhom valur kollettiv minħabba li huma ta’ għoli, disinn, proporzjoni, materjali, stil u massa simili.
L-Awtorità tal-Ippjanar tuża s-sistema tal-ippjanar tal-iskedar sabiex tipproteġi legalment il-propjetajiet li huma ta’ sinjifikat patrimonjali.
Minkejja li qed jiġu protetti propju minħabba li għandhom valur kollettiv, kull propjetà għandha karatteristiċi uniċi jew fuq il-faċċata jew ġewwa, li jiddistingwuha minn postijiet oħra.
L-ewwel grupp ta’ djar jinsab madwar u fil-pjazza tal-Lunzjata. Minkejja li numru ta’ propjetajiet ġol-pjazza ngħataw il-protezzjoni fl-1995, iż-żieda tal-erba’ propjetajiet l-oħra f’din il-pjazza se tassigura approċċ iktar olistiku mill-aspett patrimonjali tal-ippjanar u l-kultura.
Id-djar l-oħra matul Triq Ġorg Borg Olivier u Triq Sir Adrian Dingli għandhom karatteristiċi eklettiċi u ta’ Arti Nouveau.
Grupp ta’ propjetajiet fi Triq Gorg Borg Olivier jikkonsistu f’żewġ sulari u għandhom entratura tal-arzella ssuperata minn fann dekorattiv tal-ħadid u bifora.
Il-propjetajiet xempji tal-Arti Nouveau huma kkaraterizzati mill-użu ta’ sinjali dekorattivi madwar l-aperturi u l-gallariji.
Jikkonsistu wkoll minn ħġieġ ikkulurit u twieqi bil-persjani. Grupp ta’ seba’ propjetajiet simili jinsabu fi Triq Sir Adrian Dingli.
Il-lista sħiħa tal-propjetajiet tinsab fuq il-websajt tal-Awtorità tal-Ippjanar