22 priġunier qed jaħdmu ma’ kumpaniji privati

Read in English.

22 priġunier ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jaħdmu ma’ kumpaniji privati. Dan qalu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt seduta parlamentari.

Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Hermann Schiavone, Camilleri qal li hemm 272 priġunier li qed jagħmlu xogħol ta’ tindif u manutenzjoni fil-ħabs innifsu. Bil-maġġoranza tagħhom, 235, ġew assenjati xogħol fid-diviżjonijiet rispettivi tagħhom. Iżda 37 oħra qed jagħmlu xogħol ta’ tikħil, ta’ ħadid, ħjata, tisjir u fiż-żamma tal-maħżen.

Il-Ministru spjega li kollox jaħdem b’sistema ta’ rotazzjoni biex ikun fiż-żgur li kulħadd ikollu xi responsabbiltà differenti. Fil-baġit hemm madwar €10,000 biex ikun jista’ jibqa’ għaddej dan il-programm.

Camilleri żied jgħid li kienu qed isiru sforzi biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-priġunieri biex ikunu jistgħu jaħdmu barra mill-ħabs. Dan qalu qabel ma ħabbar li hemm 22 priġunier li diġà qed jaħdmu barra. Camilleri ma tax aktar dettalji dwar dan.