22 perit ġdid jieħdu l-warrant

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

22 perit ġdid ġew milqugħa fil-Ministeru għall-Infrastruttura sabiex jiġu ppreżentati bil-warrant mill-Ministru Ian Borg.

Fi stqarrija issemma kif il-Ministru Borg tenna li dawn il-periti issa se jkollhom f’idejhom il-liċenzja li biha se jkunu qed jagħtu kontribut lill-arkitettura futura ta’ Malta. Il-Ministru sostna li huwa dmir ta’ dawk kollha involuti fl-industrija li jassiguraw li jiddisinnjaw u jibnu b’mod sostenibbli.

Il-Ministru saħaq dwar l-importanza li l-periti japprezzaw l-irwol prinċipali li għandhom is-sostennibilità u l-konservazzjoni kif ukoll dwar il-bilanċ ta’ bejniethom u li jikkunsidraw il-kwalitajiet ambjentali. Sostna wkoll dwar l-importanza tar-riġenerazzjoni u li tingħata ħajja ġdida lil binjiet qodma.

“Ftakru li l-karattru ta’ perit dedikat joħroġ ukoll mill-valur miżjud li hu jew hi jista’ jagħti lil kull proġett individwu,” kompla jgħid il-Ministru.