22 kumpanija f’Malta investigati mil-Libja

Investigaturi Libjani qed ifittxu fi 22 kumpanija Maltija ta’ Libjan akkużat bi frodi. Ali Ibrahim Dabaiba, kien meqjus bħala kollaboratur ta’ Gaddafi u kien Sindku ta’ Misurata u eks kap tal-uffiċċju li jagħti l-kuntratti tal-Gvern Libjan.

F’rapport li l-Proġett tar-Rappurtaġġ dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) ippubblika l-ġimgħa li għaddiet ħarġu aktar dettalji minn informazzjoni li ġiet leaked minn Ċipru. Din l-informazzjoni turi kif l-uffiċjal seraq miljuni mill-gvern Libjan u ħasel il-flus permezz ta’ kumpaniji offshore u għadd ta’ kontijiet bankarji f’Ċipru u f’ħames pajjiżi oħra madwar id-dinja inkluż f’Malta.

B’kollox, l-investigaturi Libjani qegħdin ifittxu f’aktar minn 100 kumpanija madwar id-dinja relatati ma’ Dabaiba, inklużi 65 fir-Renju Unit, 16 fil-British Virgin Islands, 22 f’Malta, sitt fl-Indja u tlieta f’Lenchtenstein. L-OCCRP qalu li l-awtoritajiet Libjani talbu lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi f’dawn il-ġurisdizzjonijiet kollha għall-assistenza fl-investigazzjoni. Dwar dan Newsbook.com.mt talab aktar informazzjoni mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).

Fil-mandat tiegħu bħala uffiċjal tal-għoti tal-kuntratti fil-Libja, għaddew aktar minn 3,000 kuntratt minn taħt idejn Dabaiba b’valur totali ta’ 45.4 biljun dollaru Libjan (€28.4 biljun). L-awtoritajiet fi Tripli jaħsbu li Dabaiba seraq madwar $6 u $7 biljun bl-użu ta’ commissions jew billi l-kuntratt jingħata lil kumpaniji li hu jkun is-sid tagħhom.

L-OCCRP rrappurat kif Dabaiba kellu minn tal-inqas 16-il kont bankarju personali miżmuma f’Ċipru kemm ma’ banek Ċiprijotti kif ukoll barranin. Huma juru portafoll ta’ investimenti li jiswew miljuni ta’ dollari Amerikani, ammont li, skont l-investigaturi Libjani jgħidu li huwa diffili li wieħed jilħaq bis-salarju ta’ uffiċjal tal-għoti tal-kuntratti biss. Is-salarju kien ta’ madwar £12,000 (€13,500) fis-sena.

Ġurnalisti mill-Proġett ta’ Rappurtar Investigattiv fl-Italja (IRPI) u ieħor indipendenti li jaħdem għall-OCCRP f’Ċipru għaddew l-aħħar sitt xhur jinvestigaw u jfittxu fejn setgħu spiċċaw il-flus nieqsa u għal-liema skop kienu qiegħdin jintużaw.