22 każ ġdid u 37 ifiqu

Miguela Xuereb

Illum ġew irreġistrati 22 każ ġdid ta’ coronavirus b’37 persuna tfiq mill-virus. Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa fejn intqal ukoll li fl-aħħar 24 siegħa saru 2,067 Swab Test.

B’hekk it-total ta’ każijiet attivi issa hu ta’ 428 każ.

Fil-grafika, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li sitta minn dawn il-każijiet attivi huma ta’ kuntatti mal-membri tal-familja, 3 każi minnhom huma ta’ kuntatti ma’ kollegi tax-xogħol, każ minnhom ittieħed minn gatherings soċjali, każ li kellu kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva u każ impurtat.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar fuq Facebook li f’Għawdex hemm 9 każi attivi ta’ coronavirus. Fl-istess stqarrija huwa qal li hu flimkien mal-membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet dwar Għawdex ħeġġu lis-Supretendent biex tagħti ċ-ċifri dwar Għawdex kif se tkun qed tagħmel fil-konferenza tal-aħbarijiet li qed issir kull nhar ta’ Ġimgħa.