21 xahar ħabs għax organizza lotterija illegali

Raġel li organizza lotterija illegali u seraq xi flus minn residenzi intbagħat il-ħabs ta’ 21 xahar.

Chris Farrugia, li għandu 37 sena ġie arrestat il-ġimgħa l-oħra akkużat b’lotterija illegali, li seraq xi flus minn dar ta’ anzjan li mar għandu biex ibiegħlu l-biljetti tal-lotterija, u li kien fil-pussess ta’ oġġetti misruqa.

Farrugia intalab iħallas ukoll multa ta’ €1,000.

L-akkużat wieġeb ħati quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, minkejja li qabel kienet daħlet nota f’ismu li kien se jwieġeb mhux ħati.

Il-Qorti kkunsidrat li r-raġel ipprova jwieġeb ħati tal-akkużi mill-ewwel, madanakollu sostniet li ma kellux dritt awtomatiku sabiex is-sentenza titnaqqas.

Il-Qorti sostniet li l-akkużi fil-konfront ta’ Farrugia huma serji u min-naħa l-oħra kellu wkoll żewġ sentenzi oħra li kienu ġew sospiżi fl-10 ta’ Jannar li għadda.

Id-difiża argumentat li l-akkużat kellu bżonn l-għajnuna għax ma kellu l-ebda direzzjoni f’ħajtu. Il-Maġistrat sostna li mil-lum ‘il quddiem huwa f’idejn l-akkużat li jgħin lilu nnifsu biex jibdel ħajtu.

Id-difiża ħarġet l-avviż tal-appell.