21 tip ta’ maskra mneħħija mis-suq għax mhux konformi

FILE PHOTO: REUTERS/Michele Tantussi

Waqt il-perjodu tal-COVID-19, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur waqqfet il-bejgħ ta’ 21 tip ta’ maskri protettivi li ma nstabux konformi ma’ speċifikazzjonijet mediċi. Dawn tneħħew mis-suq.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tat din l-informazzjoni fi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Hija qalet li l-istess awtorità għamlet 75 spezzjoni li wasslu għall-identifikazzjoni ta’ dawn il-maskri protettivi difettużi. Dawn kien jinkludu maskri li kien qed jinbiegħu online u fuq Facebook kif ukoll spezzjonijiet fi ħwienet.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li barra minn hekk, kien hemm 68 każ li jvarjaw minn talbiet għal informazzjoni mingħand operaturi ekonomiċi u d-Dipartiment Ċentrali ta’ Akkwist ta’ Provvisti (CPSU), kif ukoll ilmenti u talbiet għal tagħrif ta’ informazzjoni mingħand konsumaturi.

F’nofs il-każijiet, il-bejgħ ta’ dawn il-maskri twaqqaf minnħabba nuqqas ta’ marki u informazzjoni meħtieġa skont il-liġi, kif ukoll nuqqas ta’ dokumentazzjoni neċessarja li turi konformità skont il-liġi. It-tipi tal-maskri li huma regolati huma tlieta: PPEs (personal protective equipment), Medical u non-PPE/medical (cloth mask).

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn