21% tat-trabi li twieldu b’IVF iddaħħlu fl-NPICU

21% tat-trabi li twieldu lil ommijiet li għamlu IVF, iddaħħlu fin-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU).
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal fil-Parlament li bejn Jannar tal-2015 u Ottubru tal-2017 ġew irreġistrati b’kollox 297 tarbija li twieldu bl-IVF.
Speċifika kif fl-2015 twieldu 80 b’dan il-metodu, u 18% minnhom kellhom jiddaħħlu fl-NPICU; fl-2016 minn 122 tarbija ddaħħlu 22% u f’10 xhur fl-2017, twieldu 95 u ddaħħlu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva għat-trabi, 22%.
Il-Ministru Fearne qal ukoll li din l-informazzjoni tkopri t-twelid kollu f’Malta u Għawdex għal ommijiet li kellhom it-trabi tagħhom permezz tal-IVF, li sar f’Malta kif ukoll barra mill-pajjiż.
Kompla jgħid li bejn l-2015 u l-2017, il-medja ta’ trabi li twieldu permezz ta’ IVF, li kellhom bżonn il-kura fl-NPICU kienet ta’ 18-il ġurnata.
Chris Fearne kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia.