21% tal-Maltin ma jafux bil-Kostituzzjoni

Minn stħarriġ li sar dwar il-Kostituzzjoni jirriżulta li wieħed minn kull ħames Maltin ma jafx li f’Malta hawn Kostituzzjoni.
21% fost is-717 li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ wieġbu li ma kienux jafu bil-Kostituzzjoni filwaqt li 4% wieġbu li f’Malta m’hawnx Kostituzzjoni.
Kienu biss 88 dawk li qalu li xi darba għamlu riċerka dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta, li minnhom 66% qalu li r-riċerka saret għall-iskola jew għax-xogħol fejn jaħdmu.
L-istħarriġ huwa parti minn studju li sar minn Kumitat għall-Għarfien tal-Kostituzzjoni li huwa mmexxi mill-avukat Franco Debono.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Franco Debono tkellem dwar is-sit elettroniku www.kostituzzjoni.com u qal li f’dan is-sit hemm informazzjoni dwar il-Kostituzzjoni filwaqt li stieden lill-pubbliku biex iressqu suġġerimenti għar-riforma.
Huwa ddeskriva l-Kostituzzjoni bħala s-simbolu tal-identità tal-pajjiż.
Il-Kumitat, li qed jaħdem fuq riformi kostituzzjonali, huwa magħmul minn Franco Debono, Veronique Dalli, Claire Bonello, Austin Bencini, Ray Mangion, Andrew Azzopardi, Martin Scicluna, Trevor Zahra, Oliver Friggieri u Saviour Chircop.