21 tablet u modems minn MOAS għal studenti immigranti

Read in English.

Il-Migrants Offshore Aid Station (MOAS) ipprovdiet 21 tablet u konnessjoni tal-internet lil 21 familja ta’ immigranti vulnerabbli sabiex tgħin lill-istudenti jkollhom aċċess għall-edukazzjoni f’dan iż-żmien diffiċli.

Fi stqarrija, il-MOAS spjegat kif waqt il-perjodu tal-pandemija tal-coronavirus, familji ta’ immigranti kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet meta jiġu biex jaċċessaw is-servizzi ta’ edukazzjoni remota minħabba li ma kellhomx riżorsi biex jagħmlu dan.

Bħala parti mill-proġett Malta Remote Learning Project, il-MOAS issuplixxiet 21 tablet, 21 modem li kienu donazzjoni tal-kumpanija GO u 21 kuntratt ta’ sitt xhur imħallsa ta’ internet.

L-għaqda spjegat li dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Agency for the Welfare of Asylum Seekers (AWAS) li identifikat il-familji u kkordinat it-twassil tal-prodotti lilhom. Qalet li l-kumpanija GO emmnet fil-proġett u b’hekk issuplixxiet il-modems. Il-MOAS spjegat li dawn il-familji mhux talli se jaraw li wliedhom ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, iżda wkoll biex il-familja tkun tista’ ssegwi r-regoli tad-distanza soċjali u l-kwarantina kif hemm bżonn.

Id-Direttur tal-MOAS, Regina Catrambone qalet li l-edukazzjoni hija importanti biex ġenerazzjonijiet żgħar ikollhom future aħjar. Qalet li t-teknoloġija għandha rwol ċentrali u tgħin fil-modi ġodda ta’ taħriġ. Qalet li l-aċċess ta’ sistemi online huwa importanti ħafna wkoll biex wieħed jelimina d-diviżjoni diġitali.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-AWAS, Mauro Farrugia qal li huwa importanti li wieħed jaħdem ma’ entitajiet bħall-AWAS. Qal li meta entitajiet tat-tip jaħdmu flimkien, is-sapport li jingħata se jkun wieħed aħjar. Qal li din is-sena, minħabba r-restrizzjonijiet li ġab miegħu l-coronavirus, kien diffiċlu biex ċertu studenti li jgħixu fiċ-ċentri jkomplu bl-edukazzjoni remota tagħhom. Qal li b’hekk, dan il-proġett qed joffri din l-opportunità lil dawn it-tfal.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn