21 sena u jgħix fit-triq il-Belt; “talabni 60ċ biex jixtri flixkun ilma”

Read in English.

Żagħżugħ irrakkonta kif hu u sejjer lura d-dar mix-xogħol mill-Belt Valletta ltaqa’ ma’ żagħżugħ Malti ta’ 21 sena li jgħix fit-triq. Qal li dan talbu 60 ċenteżmu sabiex ikun jista’ jixtri flixkun ilma.

Permezz ta’ post fuq il-grupp ta’ Facebook The Salott, iż-żagħżugħ irrakkonta kif hu kien sejjer għall-karozza tiegħu li kienet qiegħda fil-parkeġġ tal-MCP fil-Furjana. Qal li hemmhekk iltaqa’ ma’ dan iż-żagħżugħ li jgħix fit-triq. Hu u jitkellem miegħu, dan qallu li mhux qed jirnexxielu jorqod sew bil-lejl minħabba l-kesħa. Iż-żagħżugħ ġeneruż qallu sabiex l-għada jerġa’ jiltaqa’ miegħu sabiex jagħtih  ġakketta għal matul il-lejl.

Kompla jirrakkont kif l-għada mar fl-istess post u miegħu ħa ġakketta, iżda ż-żagħżugħ ma tfaċċax. Hu mar ifittxu fi ġnien żgħir li hemm fl-inħawi u hemm sab żewġ persuni oħrajn reqdin mal-art mgħottijin bil-plastik.

Sostna li din id-dehra qasmitlu qalbu. Qal li ma jistax jifhem kif filwaqt li għexieren ta’ persuni qed jgħixu b’saqaf fuq rashom, dawn in-nies spiċċaw jorqdu ft-triq.

Intant kienu bosta dawk li kkummentaw. Kumment li spikka fost l-oħrajn kien ta’ raġel li offra li saħansitra jagħti xogħol lil dan iż-żagħżugħ ta’ 21 sena. Talab sabiex jekk xi ħadd ikollu jiltaqa’ miegħu fit-triq, jgħaddilu n-numru tiegħu, li huwa 79442658.