21 persuna jużaw is-servizzi tad-dimensja f’Dar Padova

21 persuna qed jiffrekwentaw iċ-ċentru ta’ Dar Padova sabiex jagħmlu użu mis-servizz b’xejn li joffri, bħas-sezzjonijiet terapewtiċi u attivitajiet soċjali.
Dan qalu l-kordinatur taċ-ċentru, Daniel Grima waqt l-open day ta’ Dar Padova f’Għajnsielem.
Id-dar infetħet għall-pubbliku sabiex jiżdied l-għarfien fuq id-dimensja kif ukoll tingħata informazzjoni fuq is-servizzi li jiġu offruti f’dan is-settur f’Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, sostna li ċ-ċentru għall-persuni bid-dimensja fetaħ bħala parti minn serje ta’ inizjattivi mill-Gvern sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja, li jgħid li l-għan tagħha huwa li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-individwi, ta’ min jieħu ħsiebhom u l-membri familjari tagħhom.
Iċ-ċentru jservi wkoll bħala night shelter għall-anzjani, u huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta u Għawdex, minħabba li jinsab fil-qalba tal-komunità.