200,000 tifel u tifla bla dar minħabba għargħar kbar

Postijiet mgħarrqa fis-Sudan t'Isfel

Mijiet ta’ eluf ta’ tfal u l-familji tagħhom fis-Sudan t’Isfel, li uħud minnhom kienu diġa’ qed ibatu min-nuqqas ta’ ikel, spiċċaw bla dar minħabba x-xita qawwija li niżlet u kkaġunat għargħr kbar, u issa qed jgħixu f’tined temporanji.

L-organiżazzjoni Save the Children – li għandha l-appoġġ tal-Knisja Kattolika – hi mħassba ħafna dwar is-saħħa ta’ aktar minn 420,000 pesuna, fosthom 200,000 tifel u tifla, li kellhom jitilqu minn djarhom minħabba x-xita u l-għargħar kbar li ħarbtu l-pajjiż.

B’kollox hu stmat li aktar minn 900,000 persuna, kważi 7% tal-popolazzjoni tas-Sudan t’Isfel, intlaqtu ħażin minn dan l-għargħar li fosthom hemm min tilef id-dar, oħrajn tilfu l-għelieqi filwaqt li hemm oħrajn li spiċċaw iżolati u ma jistgħux jintlaħqu minħabba l-ilmijiet.

230% aktar xita mis-soltu

Fost l-agħar postijiet milquta hemm Pinor u Maban fejn niżlet aktar minn 230% aktar xita min-normal bejn Settembru u Ottubru.

L-għargħar laqat aktar minn 30 żona. Qabel niżlet din ix-xita kollha, madwar 60% tal-popli f’dawn il-partijiet tal-pajjiż kienu diġa’ qed jiffaċċjaw problem ta’ nuqqas kbir ta’ ikel. L-għajnuna li kienet qed tingħata f’ċerti postijiet kellha titwaqqaf għax aktar minn 42 ċentru tat-tqassim tal-ikel intlaqtu mill-għargħar.  Dan se jkompli jkabbar il-problemi għal dawn in-nies.

Save the Children hi mħassba b’mod partikolari għal tfal li aktarx spiċċaw mifruda mill-familji tagħhom u allura jinsabu f’riskju akbar.  Fil-ġenn biex jaħarbu mill-għargħar ħafna nies spiċċaw tilfu kull ma kellhom saħansitra dokmenti u ċertifikati tat-twelid u dan ifisser li fil-futur jistgħu jkunu mċaħħda minn servizzi essenzjali.

Hemm imbassra aktar xita fil-ġimgħat li ġejjin.

Rama Hansraj Direttur ta’ Save the Children fis-Sudan t’Isfel qal: “L-għargħar laħaq il-livell ta’ kriżi u t-tfal u l-familji għandhom bżonn għajnuna urġenti. L-ilmijiet qed iġiegħlu n-nies jitilqu minn djarhom u jfittxu postijiet li joffrulhom kenn. Il-komunitajiet milquta huma diġa’ fost l-aktar vulnerabbli fil-pajjiż.

Stat ta’ emerġenza

“Save the Children tilqa’ d-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza li għamel il-Gvern u tappellalu biex jgħinu billi jivvota flus immedjatament biex in-nies ikunu jistgħu jiġu megħjuna. Nappellaw lill-Gvern ukoll biex jassigura u jgħin fl-aċċess għall-għajnuna umanitarja biex din tilħaq lil dawk li huma fl-akbar riskju, partikolarment it-tfal.

 “Save the Children qed tappella lill-komunita interjazzjonali biex tagħti għajnuna finanzjarja u riżorsi oħra biex ikunu megħjuna tfal u familji vulnerabbli”.

Bħalissa l-organiżazzjoni qed tgħin f’Abeyi u Akobo fejn popolazzjoni ta’ madwar 40,140 persuna fi tliet żoni jinsabu bla ebda aċċess għal servizzi tas-saħħa, servizzi sanitarji, ilma u ikel.

Save the Children flimkien ma’ aġenziji tal-Gvern u msieħba oħra fosthom il-Knisja Kattolika qed tipprova tilħaq 2,400 dar fejn hemm bżonn għajnuna essenzjali ta’ emerġenza fosthom postijiet ta’ kenn u prodotti sanitarji.