20,000 turist f’Malta fl-ewwel ġimgħa minn meta reġa’ fetaħ l-ajruport

Miguela Xuereb

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-passiġġieri u t-turisti bħall-bieraħ ġimgħa ilu, fl-1 ta’ Lulju. F’temp ta’ ġimgħa, ra 20,000 passiġġier.

F’din l-ewwel ġimgħa, kien hemm ‘il fuq minn 220 titjira minn u lejn Malta, u 11-il vjaġġ bil-katamaran.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli laqgħet l-istedina ta’ żewġ lukandi ta’ ħames stilel, boutique hotel u lukanda ta’ tliet stilel, u żaret kmamar u outlets ġodda flimkien ma’ xogħlijiet ta’ tisbiħ u servizzi ġodda li għamlu waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Il-lukandi kienu Intercontinental, Holiday Inn Express, Holm Boutique & Spa fil-Balluta, u The Palace Hotel f’Tas-Sliema.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għat-Turiżmu, ġie spjegat li Holm Boutique Hotel u Holiday Inn Express fetħu għall-ewwel darba ftit qabel bdiet l-imxija tal-Covid-19. Is-sidien ta’ dawn il-lukandi esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-wasla ta’ 20,000 passiġġier f’Malta fl-ewwel ġimgħa tal-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport, u kollha kienu entużjasti li għalkemm ilhom ftit ġranet biss li fetħu, it-turisti u l-Maltin bdew jirrispondu b’mod pożittiv.

Il-Ministru ltaqgħet ma’ numru ta’ turisti u familji li ġew minn pajjiżi bħall-Awstrija, id-Danimarka, l-Italja, l-Irlanda u r-Repubblika Ċeka. Uħud minn dawn it-turisti qed iżuru Malta għall-ewwel darba, inkluż koppja li għażlu lil Malta fl-aħħar ħin għall-qamar il-għasel tagħhom, filwaqt li oħrajn saħansitra ġew Malta għall-ħames u anke l-11-il darba.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u kif ukoll mil-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Tony Zahra.