20,000 studenti Maltin se jitolbu għall-paċi – ACN

Madwar 20,000 studenti Maltin se jkunu qed jingħaqdu ma’ miljun tifel u tifla minn madwar id-dinja biex jitolbu r-rużarju għall-għaqda u l-paċi fid-dinja, skont l-Aid to the Church in Need Malta (ACN).

Fi stqarrija l-ACN Malta qalet li t-tema tat-talb se tkun dwar il-missjunarji fuq xewqa tal-Papa Franġisku.

Id-Direttur Nazzjonali tal-ACN Malta Stephen Axisa qal li “din l-inizzjattiva qed issir tassew kampanja ta’ talb li tiġbor flimkien mijiet ta’ eluf ta’ Nsara. Lil hinn mill-aspett spiritwali tagħha, din il-kampanja tikkontribwixxi lejn l-għaqda u l-paċi fi ħdan u fost in-nazzjonijiet billi ċċaqlaq il-qlub tat-tfal, u anki dawk tal-adulti.”

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem jistgħu jibagħtu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom bl-imejl fuq info@acnmalta.org sabiex l-ACN Malta jibagħtulhom kuruni tar-rużarju għall-okkażjoni.