20,000 persuna reġgħu bdew jaraw wara ħidma minn Sorijiet tal-Karità

Sorijiet tal-Karità fl-Etijopja jagħmlu visti tal-għajnejn ta’ membri ta’ familji foqra.

Is-Sorijiet tal-Karità fl-Etijopja qed iduru diversi żoni fil-pajjiż fejn hemm komunitajiet foqra u jagħmlu visti lil persuni li tilfu l-vista minħabba l-kundizzjoni tal-katarretta. Aktar minn 20,000 persuna reġgħu bdew jaraw, frott ta’ din il-ħidma.

Bil-ħidma tagħhom is-Sorijiet tal-Karità taw nifs ġdid ta’ ħajja lil numru ta’ Etijopjani li minħabba l-kundizzjoni tal-katarretta, legalment kienu neqjusa bħala għomja.

Tfal jistgħu jmorru l-iskola

Il-ħidma tas-sorijiet bdiet madwar għaxar snin ilu. Suor Evelyn Puesta li tmexxi dan il-proġett qalet li bdew f’Dembidolo bl-iskop li jeħilsu lit-tfal mid-dover li jieħdu ħsieb lill-ġenituri jew lin-nanniet tagħhom li kienu tilfu l-vista.

Sr. Puesta spjegat  li meta jkun hemm anzjan għama fil-familja, ir-responsabbiltà li jmexxuh u jiggwidawh taqa’ fuq it-tfal li allura ma setgħux imorru skola jew jilgħabu ma’ sħabhom biex jieħdu ħsieb l-għomja. Is-sorijiet dehrilhom li dan kien qed itellef lit-tfal mit-tfulija u l-edukazzjoni tagħhom u għalhekk bdew il-proġett.

Il-ħidma bdiet fl-2006 bil-mira li sal-2020, ifejjqu mill-katarretta lil 20,000 persuna u jagħtuhom lura d-dawl.  Din il-mira ntlaħqet sal-2018. Imma l-proġett qed ikompli.

Kollaborazzjoni mal-Gvern

Sr. Puesta spjegat li s-sorijiet li l-proġett qed ikun implimentat b’kollaborazzjoni mal-Gvern fejn fiċ-ċentri tas-saħħa tiegħu, is-sorijiet jaraw madwar 300 pazjent kuljum. Dawk li jinstab li għandhom il-problema tal-katarretta, ssirilhom operazzjoni biex jiksbu l-vista lura u min ikollu problemi oħra jingħataw l-kura meħtieġa għal għajnejh.

“Aħna nitkellmu mal-awtoritajiet lokali tas-saħħa u ngħidulhom bis-servizz li nixtiequ noffru lill-foqra fil-komunità li għandhom problemi fil-vista. L-awtoritajiet imbagħad javżaw lin-nies tal-lokal li se nagħmlu dawn il-visti biex kemm jista’ jkun nies, jibbenefikaw mis-servizzi tagħna.

“F’din il-ħidma li mwettqu niltaqgħu ma’ ħafna nies li ilhom jgħixu għal ħafna snin bi problemi f’għajnejhom li faċilment jistgħu jkunu kkurati imma jekk ma jingħatawx kura jistgħu jsiru problemi serji. Dawk li jkollhom il-katarretta nagħmlulhom operazzjoni mingħajr ebda ħlas”, kompliet is-soru.

Darba li l-persuna tagħmel b’suċċess operazzjoni tal-kataretta  ikunu jista’ jirritorna għall-ħajja tax-xogħol.

Għalhekk bil-ħidma tagħhom, is-Sorijiet tal-Karità mhux biss qed jgħinu nies jiksbu lura id-dawl ta’ għajnejhom imma qed jgħinu wkoll lill-komunitajiet b’mod ekonomiku għax numru ta’ persuni jkunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jagħti l-kontribut tagħhom fl-ekonomija tal-pajjiż.

Bħala parti mill-ministeru tal-fejqan tal-Knisja Kattolika, is-servizz tas-Sorijiet tal-Karità hu offrut lil kull min ikollu bżonn mingħajr ebda tip ta’ diskriminazzjoni.

Is-Sorijiet tal-Karità fl-Etijopja

San Vincenz de Paule u Louise de Marillac, waqqafu l-kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità f’Pariġi fis-seklu 17. Illum, fl-Etijopja hemm aktar minn 60 membru ta’ din il-komunità u hemm 10 oħra li m’humiex Etijopiċi. L-apostolat ta’ din il-kongregazzjoni hu mifrux fuq tliet kategoriji: is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ħidma soċjali. Is-sorijiet għandhom sitt kliniċi tas-saħħa, u klinika speċjalizzata fil-mard tal-għajnjen.

Il-katarretta hi parti mċajpra fil-lenti tal-għajn. Meta l-bniedem jikber jista’ jiċviluppa l-katarretta.  Ħafna mill-kundizzjonijiet tal-kataretta huma marbuta mal-età iżda mhux dejjem. Hemm diversi raġunijiet oħra għaliex bniedem jista’ jiżviluppa din il-kundizzjoni.

L-aħbar it-tajba hi li fil-parti l-kbira tal-każi, b’operazzjoni l-katarretta tista’ titfejjaq. Iżda jekk wieħed ma jagħtix każha u jittraskura tista’ twassal biex wieħed jitlef il-vista għal kollox.