20,000 maskra jaslu Malta miċ-Ċina

Waslu Malta bis-saħħa tal-Malta Trust Foundation

masks

Il-Malta Trust Foundation għadha kif irċeviet miċ-Ċina konsenja ta’ 20,000 maskra speċjalizzata. Dawn se tqassamhom bħala donazzjoni lill-Prim Ministru, lit-tobba u lill-NGOs bil-għan li titwaqqaf kemm jista’ jkun l-imxija tal-coronavirus.

Il-maskri kirurġiċi u dawk KF94 huma frott il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni u d-donaturi Ċiniżi – William Zeng, Nicole Yang u Li Hua.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet il-gratitudni tagħha għal dan il-ġest. Fissret li 15,000 maskra se jingħataw bħala donazzjoni lill-Prim Ministru Robert Abela għada. Il-bqija, se jitqassmu lill-Assoċjazzjoni tal-GPs biex jintużaw mit-tobba li kienu qed jaraw il-pazjenti fil-kliniċi tagħhom mingħajr tagħmir protettiv, kif ukoll lil Foodbank Lifeline Foundation u lil Fondazzjoni Nazareth li qed jgħinu lill-vulnerabbli fil-komunità.

Marie-Louise Coleiro Preca appellat biex kulħadd jagħti kas l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet dwar id-distanza soċjali, biex jiġi assigurat li l-professjonisti tas-saħħa jkomplu jagħmlu xogħolhom mingħajr xkiel kontra l-virus qerriedi.

“Dan huwa żmien diffiċli ħafna għal kull wieħed u waħda minna, iżda permezz ta’ solidarjetà, u l-koperazzjoni tal-pubbliku, nistgħu negħlbu l-isfida li għandna quddiemna”, kompliet tgħid Coleiro Preca.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn