2,000 talba ta’ ikel fi tliet ġimgħat

Read in English.

Il-Proġett ta’ Għajnuna għall-Ikel tal-Malta Trust Foundation irċieva qrib 2,000 talba għal għajnuna fi tliet ġimgħat biss hekk kif il-kriżi ekonomika maħluqa mill-pandemija COVID-19 tkompli tiddistabilizza l-persuni vulnerabbli u l-foqra fis-soċjetà.

Dan il-proġett twaqqaf malajr meta l-koronavirus laqat lil Malta u kien qed jappoġġja lill-NGOs li qed jitħabtu biex ilaħħqu kif ukoll li jieħdu riferimenti mill-Foodbank Lifeline Foundation li ma setgħetx tieħu każijiet ġodda.

Il-President tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca, u Anne McKenna, li ilha volontiera f’dan is-settur għal ħames snin, qalu li kienu qed jaraw valanga ta’ talbiet minn nies iddisprati li f’daqqa waħda sabu ruħhom mingħajr xogħol, ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u bil-ġuħ.

Is-Sinjura McKenna qalet: “Is-sitwazzjoni qed  tweġġa’ lit-tim kollu meta jirċievi sejħiet iddisprati għall-għajnuna. Il-ġurnata l-oħra sibt telefonata minn omm li tgħidli, “Għandi tlett itfal u xejn biex insajjar għalihom. Jekk jogħġbok, jekk jogħġbok għinni.

“Hemm daqstant nies li għandhom bżonn l-ikel. Minn familji li bilkemm għandhom biex jgħixu u sabu ruħhom mingħajr dħul; għal dawk li jabbużaw mill-mediċini tal-outpatients; missirijiet li ma jistgħux iħallsu l-manteniment ta’ wliedhom; ommijiet waħedhom;u dawk li qed jiffaċċjaw kirjiet għoljin u żgumbrament.”

Il-Malta Trust Foundation qed tikkollabora wkoll ma’ NGOs  bħal Caritas, il-Millennium Chapel, Little Sisters of the Poor, Richmond Foundation, St Jeanne Antide u l-Gozo for Social Welfare, fost l-oħrajn biex jipprovdu provvisti tal-ikel hekk kif ir-riżorsi tagħhom huma limitati u qed jitħabtu biex jgħinu n-numru dejjem jiżdied ta’ nies li jitolbu l-għajnuna.

Is-Sinjura Coleiro Preca qalet: “Aħna kapaċi ngħinu biss lil dawn in-nies kollha grazzi għall-ġenerożità u l-qlub kbar tan-negozji numerużi li resqu biex joffru jagħtu donazzjonijiet, flus u ħwienet tal-merċa. Nisperaw li ħafna iktar jagħtu appoġġ biex inkunu nistgħu nkomplu nipprovdu lil dawn in-nies  biex jerġgħu lura fuq saqajhom.”

It-tim wara l-Malta Trust Foundation qed jaħdem ħafna biex jikkoordina d-domanda għall-ikel u jpoġġi pakketti ta’ ikel ta’ emerġenza għal dawk fil-bżonn.

Dawk li jixtiequ jgħinu lill-Proġett tal-Għajnuna għall-Ikel tal-Malta Trust Foundation jistgħu jċemplu fuq 2148 4662. Sadanittant dawk li jixtiequ jagħtu l-flus li jippermettu lill-Fondazzjoni tixtri ikel għall-emerġenza jistgħu jċemplu fuq 5140 2002 biex jagħtu €2; 5150 2094 għal €5; 5160 2015 għal €10; jew ibgħat SMS lil 5061 8810 biex tagħti €6.99. Għal donazzjonijiet ta’ ikel ċempel in-numru ta’ emerġenza:2149 1550.