2,000 maskra għall-immigranti f’Ħal Far

MHSE

Read in English.

L-Ambaxxata Franċiża f’Malta flimkien mal-kumpanija STMicroElectronics Malta Ltd. Għamlu donazzjoni ta’ 2,000 maskra tal-ogħla kwalità li jistgħu jerġgħu jintużaw u 100 litru ta’ sanitizer lill-immigranti li bħalissa qed josservaw il-kwarantina obbligatorja fiċ-ċentru ta’ Ħal Far.

Matul din il-ġimgħa, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jestendi l-kwarantina obbligatorja li kellha tispiċċa għada b’14-il jum ieħor.

Fi stqarrija, l-Aġenzija tal-Gvern għal dawk li qed ifittxu l-ażil (AWAS) qalet li din hija waħda mill-inizjattivi li qed tagħmel biex tikkumbatti l-firxa tal-Covid-19 fiċ-ċentru ta’ Ħal Far.

Waqt l-għoti ta’ dawn l-oġġetti, l-Ambaxxatur Franċiża Brigitte Curmi qalet li permezz ta’ din l-għajnuna se tkompli tara li Franza tgħin lil Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni.

Il-General Manager tal-kumpanija, Laurent Filipozzi tkellem favur is-solidarjetà f’dan iż-żmien tal-pandemija, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Mauro Farrugia rringrazzja liż-żewġ entitajiet li qed jgħinu b’mod tanġibbli lil Malta fi żmien ta’ sfida globali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn