200 tifel u tifla għal fuq il-palk ma’ Joseph Calleja

Il-preparazzjoni għall-kunċert tat-Tenur Malti Joseph Calleja, li se jsir nhar it-Tnejn 3 ta’ Awwissu għaddejin ġmielhom. Fost dawn, 200 tifel u tifla għaddejin bit-taħriġ tagħhom biex jakkumpanjaw lil Calleja u lill-mistiedna tiegħu matul il-kunċert.
Joseph Callejja qal li l-kor twaqqaf bil-għan li jqarreb aktar nies lejn id-dinja maġika tal-mużika klassika. “Li jitwaqqaf kor kienet l-aktar soluzzjoni naturali mhux biss biex nitroduċu t-tfal għall-arti, iżda biex inħajru lill-ġenituri u l-qraba tagħhom,” żied jgħid Calleja.
Il-kor, taħt id-direzzjoni ta’ Gillian Zammit se jakkumpanjaw lil Joseph Calleja, lill-grupp popolari lokali Red Electrick u l-kantanta internazzjonali Anastacia fost oħrajn.
L-oriġini tal-kor imur lura għall-2009 u fl-2013 il-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja, magħmula mill-Bank of Valletta u t-tenur Malti, twaqqfet bil-għan li tgħin żgħażagħ jiskorpu u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fl-arti.
Infatti, Cliff Zammit Stevens u Marvic Monreal, studenti tal-Fondazzjoni, din is-sena se jkunu qed jingħaqdu ma’ Joseph Calleja waqt il-kunċert fil-Luxol Grounds.