200 sottomissjoni għall-Pjan ta’ Strateġija tal-Kottonera

Luke Zerafa

Il-Koordinatur Eżekuttiv  tal-Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u Membru Parlamentari Laburitsa Glenn Bedingfield qal li nġabru mal-200 sottomissjoni fil-fażi ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan ta’ Strateġija tal-Kottonera.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Birgu, Bedingfield qal li l-aktar ħaġa faċli mix-xogħol kollu kien il-pubblikazzjoni tad-dokument. Qal li issa x-xogħol iebes ikun l-implimentazzjoni tiegħu. Ma’ Newsbook.com.mt Bedingfield spjega li hemm madwar 13,600 persuna jgħixu f’din iż-żona ta’ Malta. Qal li s-suċċess tal-istrateġija se jitkejjel b’kemm in-nies tal-Kottonera jħossuhom aħjar. Spejga li 3% ta’ dawk li jgħixu fil-Kottonera huma barranin.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Gvern ma jridx joħloq ġentrifikazzjoni. Qal li fost il-miżuri proposti hemm miżuri soċjali, koordinazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali, spazji pubbliċi, u ideat ġodda b’rabta mat-trasport.

Bedingfield qal li kull sottomissjoni se tiġi ppubblikata flimkien mar-risposta tal-Gvern għaliha. Qal li apparti mill-200 sottomissjoni saru wkoll laqgħat ma’ madwar 70 għaqda.