200 siegħa fil-komunità minflok imur il-ħabs

Jason Zammit, ta’ 34 sena minn Għawdex, ingħata sentenza ta’ servizz fil-komunità minflok priġunerija bil-kundizzjoni li jagħmel xogħol bla ħlas għal 200 siegħa u li jħallas f’sitt xhur lil vittmi Brian Gulliemier u Charles Bianco, ftit aktar minn €11,000 għad-danni li soffrew.
Dan wara li nstab ħati li fl-Lulju 2008 dawwar bi profit għalih jew għall-persuni oħra, aktar minn €2,300 minn erba’ quad-bikes, għad-dannu ta’ Gulliemier u Bianco u li sar riċediv.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li fiċ-ċirkostanzi tal-każ, ikun l-aħjar għas-soċjetà u għall-vittmi jekk l-imputat ikompli jaħdem u b’hekk ikollu minn fejn iħallas lill-vittmi.
Dr Mifsud qal li hu meħtieġ li l-ħati jifhem kemm huwa ħażin dak li għamel u li għalih irid iħallas lis-soċjetà billi jagħmel numru twil ta’ sigħat ta’ xogħol lil min hu fil-bżonn mingħajr ma jitħallas. B’hekk ma jkunx ta’ aktar piż fuq is-soċjetà.
F’każ li Zammit jonqos milli jikkonforma ruħu mal-ordnijiet jew jagħmel reat ieħor, jista’ jingħata sentenza għar-reati li tagħhom instab ħati b’din is-sentenza.