​200 miljun ma jafux li għandhom id-dijabete – Chris Delicata

Il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete Chris Delicata qal li madwar 200 miljun persuna minn madwar id-dinja ma jafux li għandhom id-dijabete.
Ma’ Newsbook.com.mt Delicata spjega li l-Federazzjoni Internazzjonali għad-Dijabete stmat li hawn aktar minn 400 miljun persuna madwar id-dinja li jbatu mid-dijabete. Stqarr li nofs dawn il-persuni jsiru jafu li qed isofru minn din il-kundizzjoni “meta jkun tard wisq”.
Delicata kompla jgħid kif id-dijabete ġġib magħha kumplikazzjonijiet koroh li kapaċi jaffetwaw l-għajnejn u l-qalb fost l-oħrajn.
Fi kliem Delicata, persuna bid-dijabete xorta tista’ tgħix ħajja normali ladarba ssegwi l-istruzzjonijiet tat-tabib tagħha. Qal ukoll li huwa importanti li persuna dijabetika tagħmel testijiet taz-zokkor fid-demm kuljum.