200 immigrant fuq bastiment ta’ Sea Watch qrib Malta

Il-bastiment Sea Watch 4 tal-għaqda Sea Watch jinsab isalpa ‘l barra miż-żona ta’ baħar territorjali ta’ Malta. Abbord fuqu hemm mal-200 immigrant salvati f’ħidmiet ta’ tiftix u salvataġġ riċenti mill-NGO li l-ħidma tagħha ddur mas-salvataġġ tal-immigranti mill-għarqa.

Kmieni fl-24 ta’ Awwissu, l-ekwipaġġ ta’ Sea Watch 4 skatta t-tielet ħidma ta’ salvataġġ tiegħu fi żmien 48 siegħa. Permezz ta’ tweet dawn spjegaw li l-baħar huwa mqalleb u li l-persuni salvati, li jaqbżu l-200 persuna, jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa dgħajfa. It-tim ta’ Doctors Without Borders (MSF) qed jgħinu fil-kura ta’ dawn il-persuni abbord.

Propju lbieraħ, fi tweet separata, l-NGO qalet li żagħżugħ kien evakwat lejn l-Italja mill-Gwardja tal-Kosta Taljana għax ġie bżonn ta’ kura intensive. Intqal li dan sofra minn ħruq estensiv ikkawżat minn fjuwil. Hu kien qed jiġi trattat mit-tobba tal-MSF, iżda kien hemm bżonn urġenti li jkun trasferit fi sptar fuq l-art. Qalu li sadanittant għadhom qed jistennew li xi pajjiż joffri port sigur għal dawn il-persuni salvati.

Irrimarkat li ħruq ikkawżat mill-fjuwil hija xi ħaġa komuni li jesperjenza persuni li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran fuq xi dinghy. L-NGO spjegat li l-ħruq kimiku jkun ikkawżat minn taħlita ta’ fjuwil u ilma baħar li meta jitħalltu joħolqu sustanza korrużiva. B’hekk meta wieħed jiġi f’kuntatt ma’ din is-sustanza korrużiva, jistgħu jkunu kkawżati feriti sinjifikanti, li joħolqu wġigħ kbir u jistgħu jikkawżaw infezzjonijiet.

Bħalissa, skont is-sit vesselfinder.com, il-bastiment jinsab isalpa ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin, iżda fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Mhux ċar jekk dan il-bastiment hux se jkun qed jipprova jidħol Malta u jekk l-awtoritajiet Maltin hux se jkunu qed joffru li jdaħħlu lil dawn l-immigranti fil-pajjiż.