200 ħaddiem imutu f’sit ta’ provi nukleari fil-Korea ta’ Fuq

Madwar 200 persuna mietu hekk kif sfrondat mina li kienet għadha qed tinbena taħt is-sit ta’ provi nukleari, Punggye-ri, fil-Grigal tal-Korea ta’ Fuq.
Il-pedamenti ta’ dan l-istabbiliment ta’ provi nukleari theżżu sew wara s-sitt prova nukleari tal-pajjiż.
Dan hekk kif il-ħaddiema ġew ordnati biex jisplodu bomba magħmula minn 100 kilotunnellata tal-idroġenu, li kienet madwar seba’ darbiet iktar b’saħħitha mill-bomba atomika li l-Istati Uniti waqqgħu fuq Hiroshima fl-1945. 
L-inċident tħabbar fuq l-istazzjon televiżiv Ġappuniż Asahi TV, fejn ġie żvelat li l-mini kienu qed jinbnew biex il-materjal nukleari jitmexxa għal faċilità oħra, wara li l-pedamenti tal-istabbiliment ma baqgħux sodi biżżejjed biex jitwettqu iktar provi nukleari.