200 għawwiem jieħu sehem fl-X-Waters f’Malta

Iktar minn 200 għawwiem barranin ħadu sehem fl-X-Waters Malta, għawma li saret fil-fliegu bejn Malta u Għawdex. Il-proġett X-Waters kien introdott f’Malta permezz ta’ inizjattiva mill-Agones SFC b’kollaborazzjoni ma’ Birkirkara St. Joseph Sports Club.

Il-parteċipanti li kienu qed jirrappreżentaw 14-il pajjiż, fosthom il-Brażil, setgħu jagħżlu minn tliet distanzi differenti – 6km (Għawdex – Malta), 2.3km (Kemmuna – Malta) u dawra ta’ 1km qrib ix-xatt tal-Marfa.

L-għawwiema ltaqgħu ma’ kundizzjonijiet tat-temp favorevoli partikolarment bejn Għawdex u Kemmuna. L-kurrenti qawwija qrib il-Marfa ħolqu l-ikbar sfida fir-rotta kollha tat-tellieqa. Minkejja t-tellieqa meqjusa bħala waħda barra mill-istaġun għall-komunità tal-għawm lokali, ħadu sehem 32 atleta Malti. Riżultati notevoli ġew irreġistrati minn Isabelle Zarb u Richard Zerafa fl-għawma ta’ 6km, filwaqt li Felicienne Mercieca u Roberto Russo ġew l-ewwel Maltin fit-tellieqa ta’ 2.3. km.

B’kollox għaddejjin 12-il avveniment tal-X-Waters li qed isiru f’6 pajjiżi madwar l-Ewropa u l-Lvant Nofsani.