200 ċella jospitaw aktar minn priġunier wieħed

200 ċella fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jospitaw aktar minn priġunier wieħed. Id-daqs ta’ dawn iċ-ċelel huwa ta’ tliet metri bi tliet metri u tliet metri b’żewġ metri u żewġ pulzieri.

Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’kollox hemm 458 ċella li jospitaw fihom madwar 800 priġunier. Dawn l-istatistiċi ħarġu mill-Mistoqsijiet Parlamentari li d-Deputat Nazzjonalista Beppe Feceh Adami staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar Byron Camilleri. Il-Ministru spjega li hija deċiżjoni tal-aministrazzjoni tal-ħabs dwar min jitpoġġa ma’ min fiċ-ċella. Camilleri kompla li fil-ħabs il-priġunieri jiġu provduti b’banketti tal-plastik għall-użu tagħhom.

Camilleri qal ukoll li l-ispiża għall-Gvern biex jinżamm priġunier hija ta’ €90 kuljum. Huwa kien qed iwieġeb għall-Minstoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa lil Camilleri dwar in-nazzjonalità tat-tobba fil-ħabs. Camilleri wieġeb li n-nazzjonalità tat-tobba li jaħdmu l-ħabs hija dik Maltija.

Fil-ħabs bħalissa hemm 22 priġunier li qed jaħdmu ma’ kumpaniji privati filwaqt li 272 priġunier qed jaħdmu fil-ħabs. Il-baġit għall-pagi ta’ dawn il-priġunieri huwa ta’ €10,000 fix-xahar.