​200 arrestati waqt protesti fit-Tuneżija

Aktar minn 200 dimostranti ġew arrestati waqt protesti kbar fit-Tuneżija b’rabta ma’ miżuri ta’ awsterità.
Skont il-midja internazzjonali, dan il-pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq qala’ ħafna tifħir għat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija mingħajr ħafna inkwiet wara l-protesti tal-2011. Però, seba’ snin wara din ir-rivoluzzjoni, it-tensjoni dwar l-ekonomija tal-pajjiż qed tiżdied.
L-aktar affarijiet li qed jikkaġunaw rabja fost it-Tuneżjani huma ż-żieda fil-VAT u fil-kontribuzzjonijiet soċjali wara li daħal fis-seħħ Baġit iebes fil-bidu ta’ din is-sena.
Kelliem għall-Ministeru tal-Intern qal li madwar 50 uffiċjal tal-pulizija ndarbu waqt id-dimostrazzjonijiet.
Ġie rrappurtat li ż-żgħażagħ kienu qed jieħdu vantaġġ tal-konfużjoni u bdew jitfgħu l-ġebel lejn il-vetrini tal-ħwienet bl-intenzjoni li jidħlu jisirqu apparat elettroniku.