200,000 jieqfu jpejpu bis-saħħa ta’ reklam

Kampanja ta’ reklamar kontra t-tipjip li damet għaddejja tliet xhur fl-Istati Uniti wasslet biex aktar minn 200,000 Amerikan waqfu jpejpu.

Huwa stmat li 100,000 minn dawn mhux se jerġgħu jaqgħu f’dan il-vizzju.

Iċ-Ċentru tal-Kontroll u Prevenzjoni mill-Mard fl-Istati Uniti qal li l-kampanja Tips From Former Smokers kienet suċċess. Dan hekk kif il-mira ewlenija tal-Gvern kienet li permezz ta’ din il-kampanja jieqfu jpejpju 50,000 persuna.

Ir-reklami kienu juru fost l-oħrajn persuni li kienu jpejpu u li kawża tat-tipjip spiċċaw b’partijiet ta’ ġisimhom sfigurati u anke amputazzjonijiet.

Huma appellaw lil dawk li jaraw ir-reklam biex joqtlu l-vizzji tagħhom qabel ikun tard wisq.

Fi studju li sar fost eluf ta’ Amerikani, 75% ftakru li raw tal-inqas wieħed minn dawn ir-riklami.

Kampanja b’sett ta’ riklami simili mistennija ssir fl-2014.