20 xahar ħabs fuq traffikar ta’ kokaina, eroina u kannabis

Mara ngħatat 20 xahar ħabs wara li ammettiet li ttraffikat droga kokaina (crack), eroina u kannabis. Juanita Grech li għandha 53 sena u toqgħod f’Tas-Sliema.

Il-mara kienet arrestata wara rejd tad-droga fi Triq Amery f’Tas-Sliema f’Ġunju li għadda. Bint Juanita, Sabrina Grech, kienet ukoll arrestata waqt dak ir-rejd u diġà tressqet quddiem il-Qorti fejn ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest. Sabrina kienet wieġbet mhux ħatja bil-każ għadu għaddej.

AQRA: 4 persuni arrestati f’Tas-Sliema wara sejba kokaina u eroina

Juanita Grech dehret quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużata bi traffikkar ta’ drogi kokaina, eroina u kannabis, kif ukoll li hi riċediva.  Mill-provi ħareġ li l-akkużata kellha 10 grammi kokaina u 10 grammi eroina.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ikkundannat lill-akkużata 20 xahar ħabs kif ukoll multa ta’ €800.  Il-Qorti ordnat li d-droga li nstabet tinqered.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca u Justine Grech.
Għall-akkużata dehret l-avukat Yanika Bugeja.