20% taż-żgħażagħ f’riskju ta’ dipressjoni

Aktar minn żagħżugħ jew żagħżugħa minn ħamsa f’Malta, fl-etajiet ta’ bejn it-18 u l-24 sena, jinsabu f’riskju ta’ dipressjoni. Dan qalitu l-European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions.

Għal din ir-raġuni, il-Malta Trust Foundation bdiet tiffaċilita korsijiet ta’ taħriġ dwar Mental Health First Aid għall-istudenti Universitarji, flimkien mal-Kunsill Studenti Universitarji. Dan qed isir bil-għan li l-istudenti jiksbu l-ħiliet sabiex jegħlbu diffikultajiet ta’ saħħa mentali.

Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, li hija l-President tal-Fondazzjoni, qalet li din hija t-tielet l-għola rata tal-Unjoni Ewropea. Sostniet li l-isfidi tas-saħħa mentali huma realtà fil-ħajja tat-tfal u ż-żgħażagħ.

It-taħriġ fil-Mental Health Aid se jkun qed jitmexxa bl-assistenza teknika tal-Fondazzjoni Richmond. Se jkun qed jgħin biex iż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jidentifikaw u joffru s-sostenn u l-appoġġ lil sħabhom li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. Din hija t-tieni fażi wara proġett pilota li sar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Studenti Universitarji. Ir-riżultati tiegħu kienu tant pożittivi li issa se jiġi estiż għall-MCAST, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Giovanni Curmi Higher Secondary.

Student tal-mediċina li pparteċipa fil-kors sostna li issa hu konxju iktar minn qatt qabel dwar it-tbatija siekta u jista’ jissimpatizza aħjar mal-pazjenti. Intant studenta oħra appellat sabex student bħalha jinkitbu għal dan it-taħriġ għax ipprovda għarfien komprensiv dwar elementi fundamentali u bażiċi fuq it-tipi differenti ta’ saħħa mentali.

Sessjonijiet ta’ terapija fin-natura għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Intant, propju llum, fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, l-ewwel proġett ta’ ekoterapija f’Malta bl-isem ta’ ‘Blooming Minds’ nieda kampanja ta’ crowdfunding biex jiġbor fondi li se jmorru sabiex jitkompla l-programm.

Il-programm huwa mfassal u mmexxi minn BirdLife Malta u l-Fondazzjoni Richmond. Huwa programm ta’ attivitajiet inklussivi fin-natura l jinkludu arti u snajja, ġardinaġġ u xogħol ieħor ta’ koservazzjoni li kollha jikkontribwixxu għal titjib fis-saħħa mentali u jinstigaw sens ta’ apprezzament lejn in-natura. Wara li rċieva €17,000 mill-Malta Social Impact Awards, il-proġett pprovda sensiela ta’ sessjonijiet ta’ terapija fin-natura għal dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Fondazzjoni Richmond. Dawn isiru fir-riserv naturali ta’ BirdLife Malta u fil-ġonna fil-komunità fejn jgħixu l-parteċipanti bħalma hija Villa Chelsea.

Minn riżultati inizjali li nnutaw kif iħossuhom il-parteċipanti qabel u wara s-sessjonijiet, ħareġ li dawn juru tnaqqis ta’ 38% tal-ansjetà u żieda ta’ 24% fil-livell ta’ kumdità u 15% fil-livell ta’ kuntentizza.

Issa Blooming Minds qed jipprova jiġbor €5,000 biex ikun jista’ jkompli u jiżviluppa l-programm ta’ ekoterapija.

Jekk tixtieq tikkontribwixxi għall-kampanja ta’ BirdLife Malta tista’ tagħmel id-donazzjoni tiegħek minn hawn.

Logħba online tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali

Proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u mmexx minn AcrossLimts bl-sem ta’ “Beware!” wassal sabiex tiġi kkreata logħba li tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali. Fi stqarrija ġie spjegat li l-proġett beda fl-2018. Il-logħba tgħallem liż-żgħażagħ jipproteġu l-informazzjoni personali tagħhom f’ambjent online, kif ukoll jipproteġu lilhom innifishom mill-bullying online. Il-proġett qed jipproduċi gwida dettaljata online u logħba diġitali interrattiva bil-għan li tilħaq udjenza ta’ 1,000 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropea minn erba’ pajjiżi differenti.

Il-logħba mistennija toħroġ f’Novembru li ġej, filwaqt li l-gwida online tista’ tiġi aċċessata minn hawn. Ir-riżorsi huma aċċessibbli bl-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan u r-Rumen.