20% tal-Maltin għaddew minn fastidju sesswali fl-aħħar sena

Studju li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 20% tal-Maltin qalu li esperjenzaw fastidju sesswali fit-12-il xahar ta’ qabel. 
Waqt il-konferenza tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli qalet ukoll li 8% tal-Maltin esperjenzaw cyber harrasment sa mill-età ta’ 15-il sena.
Matul il-konferenza, il-Kummissjoni nediet sett ta’ inizjattivi bil-għan li tqajjem kuxjenza akbar dwar il-vjolenza kontra n-nisa. Dawn l-inizjattivi huma parti minn proġett mifrux fuq sentejn intitolat Forms of Violence in Malta – a gender perspective.
Il-Ministru Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern li jirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett magħrufa aħjar bħala l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Qalet li din diġà ġiet ippreżentata fil-Parlament Malti fl-istadju tal-ewwel qari.
Hi elenkat diversi inizjattivi meħuda sa issa mill-Gvern dwar il-vjolenza kontra n-nisa fosthom emendi fil-kodiċi kriminali li wasslu għall-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali u żieda fil-pieni għal offiżi sesswali fuq minuri.
Tenniet l-impenn tal-Gvern li jitwaqqfu aktar strutturi li jinkoraġixxu impjegati biex jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż sesswali.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo