20 skola tieħu sehem fi proġett pilota għal tablets fl-iskejjel

20 skola primarja tal-Gvern, tal-Knisja u indipendenti, qed jieħdu sehem fi proġett pilota, li jibqa’ għaddej sa Marzu, biex tfal fir-raba’ sena tal-primarja jibdew jużaw tablet għal skopijiet edukattivi.
Din l-għodda teknoloġika ġdida qed tintuża bħalissa minn madwar 350 student, 32 għalliem u 21 Learning Support Assistants fl-iskejjel tas-Siġġiewi, l-Imsida, il-Gżira, Marsaskala, Bormla, Għajnsielem, Ta' Sannat u r-Rabat, Għawdex, Tal-Pietà, Raħal Ġdid, il-Mellieħa, iż-Żurrieq, il-Baħrija u ċ-Ċentru ta' Riżorsi Dun Manwel Attard għaż-żgħażagħ, kif ukoll fl-iskejjel tal-Knisja St Albert the Great, St Joseph Mater Boni Consigli u l-Kulleġġ De La Salle, u fl-iskejjel indipendenti Thi Lakin, Chiswick House Schools u San Anton. 
Fi tmiem il-proġett pilota, se jintagħżel liema mudell ta’ tablet hu l-aħjar u t-teknoloġija li għandha tintuża, biex minn Ottubru ta’ sentejn oħra kull student tar-raba’ sena primarja jibda juża tablet biex jitgħallem iktar dwar il-qari, il-kitba u ħiliet oħra meħtieġa mit-tfal.
It-tablets li qed jintużaw bħalissa, inkluż is-software tagħhom, ingħataw b’self minn 12-il ditta lokali u barranija b’investiment ta’ madwar €200,000. Dawn se jerġgħu jingħataw lura lid-ditti, fi tmiem il-proġett pilota.
Fejn tidħol it-teknoloġija, it-tablets qed jaħdmu bit-tliet operating systems il-kbar, jiġifieri iOS, Android u Windows.  
L-Università ta’ Malta qed issegwi l-proġett matul il-fażijiet differenti tiegħu biex fl-aħħar tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha.
L-għalliema li qed jieħdu sehem fil-proġett pilota b’mod volontarju, ingħataw taħriġ minn Marzu ta’ din is-sena u fil-jiem li ġejjin se jiffirmaw ftehim mal-Gvern li jkopri dan ix-xogħol.
Qabel ma' s-sistema tinfirex mal-iskejjel kollha f’Malta u f’Għawdex, il-Gvern ikun irid jidħol għal investiment sostanzjali fit-teknoloġija, inkluż it-tisħiħ tal-internet fl-iskejjel tiegħu.