20 sena ta’ storja tal-Partit Laburista fil-Festival tal-Ktieb

L-Istorja tal-Partit Laburista (1940-1960) huwa volum ġdid ta’ 810 faċċata dwar għoxrin sena li wasslu għall-ewwel Gvern Laburista f’Malta u l-bidu tal-ġlieda għall-Indipendenza mill-Gcern Brittaniku fis-snin ħamsin.  Dan il-volum ġie riċerkat u miktub minn Francis Galea li se jkun imniedi waqt l-edizzjoni virtwali tal-Festival tal-Ktieb bejn il-11 u l-15 ta’ Novembru.

Dan il-volum jirrakkonta dak li għadda mill-partit kemm wara l-kwinti kif ukoll fil-qasam pubbliku. Minn bidu tabilħaqq umili, dal-partit ta’ mitt sena maż-żmien kiseb is-saħħa ta’ moviment qawwi.

Il-Partit Laburista beda fl-1920 mill-ħtiġijiet ta’ xi ħaddiema tat-Tarzna biex itejbu ħajjithom. Is-sħubija tagħhom ġibdet l-attenzjoni ta’ għadd ta’ professjonisti mill-klassi tan-nofs biex flimkien, fil-15 t’Ottubru ta’ dik is-sena, iwaqqfu l-Camera del Lavoro. Dal-bidu kwiet spiċċa biex malajr irbombja madwar il-klassi tal-ħaddiema u beda jiġbor is-saħħa tagħha f’leħen politiku qawwi. Fi ftit snin, dal-leħen beda jikkumplimenta d-driegħ industrijali, li kien il-General Workers’ Union. Flimkien, il-politiku u l-industrijali, biddlu wiċċ il-politika Maltija u n-nazzjon.

Dal-volum, magħmul minn 809 paġni, ħafna minnhom b’ritratti u dokumenti relevanti, hu riċerkat għal kollox u dokumentat. L-ewwel volum, li żar is-snin 1920−1940, kien ġie ppubblikat tliet snin ilu. Naturalment, volumi oħra għandhom joħorġu ’l quddiem li jkomplu l-istorja tal-partit wara l-1960.

L-Istorja tal-Partit Laburista jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin u miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.