20 sena ħabs ikkonfermati lil raġel “li jqis il-ħajja oġġett irħis”

Ronnie Azzopardi ta’ 46 sena, magħruf bħala “Is-Sufu”, ġewlu kkonfermati l-20 sena ħabs li kien ġie ssentenzjat għalihom fl-2011 wara li nstab ħati b’attentat ta’ qtil.
Ilbieraħ il-Qorti kkonfermat is-sentenza wara li Azzopardi kien appella, għax qal li l-ġurati dakinhar kienu żgwidati mill-Imħallef li kien qed jippresjedi l-każ.
Madankollu l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallefin Joseph Zammit McKeon, Abigail Lofaro u Edwina Grima, ikkonkludew li t-talba tas-Sufu ma kinitx ammissibbli.
Il-każ imur lura għall-2003, meta Azzopardi pprova joqtol lil Jonathan Spiteri, li dakinhar kellu 19-il sena u jiġi ħu Melchior Spiteri, li dik is-sena stess kien instab ħati li qatel lil ħu s-Sufu, Jason Azzopardi.
Is-Sufu deherlu li għandu jpattiha lil Melchior billi joqtol lil ħuh.
Fil-Qorti nstema’ kif Azzopardi, riekeb mutur, kien laħaq lil Spiteri li kien qed isuq karozza f’Wied il-Għajn, u spara tiri fid-direzzjoni tiegħu.
Spiteri tbaxxa biex jevita t-tiri, u fil-proċess baqa’ dieħel f’karozza oħra. Għalkemm intlaqat fi spalltu u ma mietx, Spiteri kien għamel tabirruħu mejjet, u Azzopardi baqa’ sejjer.
Madankollu Spiteri kien qal li għaraf il-mutur li kien tas-Sufu.
Fis-sentenza tal-bieraħ, il-Qorti ddikjarat li Azzopardi jħares lejn il-ħajja umana bħala oġġett irħis, u tela’ f’ambjent familjari fejn il-kwistjonijiet ma’ ħaddieħor jissolvew bil-vjolenza.
Fil-fatt Azzopardi kien diġà ngħata għomor il-ħabs minħabba l-qtil ta' Angela Bondin.