20 priġunier bil-Covid-19; fiequ 8

Kordin-Correctional-Facility-5
Miguela Xuereb

Read in English.

20 priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġew pożittivi għall-Covid-19 bi tmienja minnhom fiequ llum. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li b’kollox kien hemm 20 priġunier bil-Covid-19 li kienu qed jinżammu f’Diviżjoni 6.

Kelliema għall-Ministeru għall-Intern ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li 12-il priġunier instabu pożittivi għall-coronavirus filwaqt li 8 oħra nstabu negattivi llum wara li għal xi jiem kienu qed jinżammu f’Diviżjoni 6 peress li kienu pożittivi għall-virus.

Hija spjegat li din id-diviżjoni fl-aħħar ġimgħat kienet tintuża għall-priġunieri li jkunu għadhom kemm daħlu fil-faċilità qabel ma jsirilhom it-testijet neċessarji.

Stqarret li l-każi kollha pożittivi kienu marbuta ma’ persuni li ma kienux ilhom li daħlu fil-faċilità filwaqt li żiedet tgħid li “s-saħħa ta’ dawn il-persuni qed tkun imħarsa mit-tim mediku tal-faċilitá”.

Aktar kmieni dan ix-xahar
Priġunier f’Kordin bil-coronavirus