20% minn dawk li jimirdu bil-COVID-19 jiżviluppaw mard mentali – Studju

Persuni li jfiequ mill-COVID-19 huma f’riskju akbar li jiżviluppaw mard mentali, skont rapport ta’ psikjatri li nħareġ nhar it-Tnejn. Dan irriżulta minn studju kbir fejn instab li 20% minn dawk il-persuni li jimirdu bil-coronavirus jiġu affettwati minn problemi mentali fi żmien 90-il jum wara li jfiequ.

L-aktar sintomi komuni rreġistrati fost il-pazjenti tal-Covid-19 li żviluppaw problemi tas-saħħa mentali kienu anzjetà, dipressjoni u insomnja. Ir-riċerkaturi mill-Università ta’ Oxford fl-Ingilterra sabu wkoll riskji aktar għolja ta’ possibilità ta’ dimenzja, kundizzjoni li taffettwa l-moħħ tal-bniedem.

“Kien hemm tħassib li persuni li jimirdu bil-COVID-19 kienu f’riskju akbar li jimirdu bi problemi mentali, u s-sejbiet tagħna … juru li x’aktarx dan hu minnu,” qal Paul Harrison, professur tal-psikjatrija f’Oxford.

Tobba u xjentisti madwar id-dinja jridu jinvestigaw b’urġenza l-kawżiet għal dan u jidentifikaw trattamenti ġodda għall-mard mentali wara l-COVID-19, żied jgħid Harrison.

“Is-servizzi (tas-saħħa) iridu jkunu ppreparati li jipprovdu kura, speċjalment minħabba li r-riżultati tagħna x’aktarx li huma stimi baxxi (tal-għadd ta’ pazjenti bi problemi psikjatriċi),” temm jgħid.

L-istudju, li kien ippubblikat fil-ġurnal The Lancet Psychiatry analizza rekords elettroniċi tas-saħħa ta’ 69 miljun persuna fl-Istati Uniti, inkluż aktar minn 62,000 każ ta’ COVID-19. Ir-riżultati x’aktarx li jkunu l-istess għal dawk affettwati bil-COVID-19 madwar id-dinja kollha, qalu r-riċerkaturi.

Fit-tliet xhur wara li tirriżulta pożittiva għall-COVID-19, ġie rreġistrat li persuna minn kull 5 li jkunu fiequ mill-marda tirċievi l-ewwel djanjożi ta’ anzjetà, depression jew insomnja. Dan ir-riżultat juri inċidenza darbtejn ogħla minn dik għal gruppi oħra ta’ pazjenti matul l-istess perjodu, skont ir-riċerka.

L-istudju sab ukoll li persuni b’kundizzjoni pre-eżistenti ta’ saħħa mentali kellhom 65% aktar ċans li taqbadhom il-COVID-19 minn dawk mingħajr kundizzjonijiet.

Speċjalisti tas-saħħa mentali li mhumiex direttament involuti fl-istudju qalu li r-riżultati tiegħu jżidu mal-evidenza eżistenti li l-COVID-19 tista’ taffettwa l-moħħ, u għalhekk tiżdied il-possibilità ta’ mard tal-moħħ.

“Dan x’aktarx li huwa minħabba taħlita ta’ elementi psikoloġiċi ta’ stress assoċjati ma’ din il-pandemija partikolari, u l-effetti fiżiċi tal-marda,” qal Michael Bloomfield, konsulent psikjatra mal-University College London.

Simon Wessely, professur tal-psikjatrija mal-King’s College f’Londra, qal li dawn ir-riżultati fejn persuni li għandhom mard mentali huma f’riskju ogħla li jimirdu bil-COVID-19, jirrifletti sejbiet simili f’tifqigħat preċedenti ta’ mard infettiv.

“Il-COVID-19 taffetwa s-sistema nervuża ċentrali, u għalhekk tista’ żżid mard relatat. Imma din ir-riċerka tikkonferma li m’aħniex naraw l-istampa kollha, u li dan ir-riskju huwa miżjud ukoll minn kundizzjonijiet tas-saħħa preċedenti,” kompla jgħid.

Marjorie Wallace, kap eżekuttiv ta’ SANE, organizzazzjoni tas-saħħa mentali fir-Renju Unit, qalet li l-istudju jirrifletti l-esperjenza tal-organizzazzjoni tagħha matul din il-pandemija.

“Il-helpline kuljum qed jirċievi telefonati minn numru akbar ta’ persuni li jċemplu għall-ewwel darba li qed jesperjenzaw problemi tas-saħħa mentali, kif ukoll dawk li qed jerġgħu jkollhom episodji ta’ problemi mentali minħabba li l-livell ta’ biża’ u anzjetà huwa intollerabbli,” temmet tgħid Wallace.