20 miljun oġġett falz jinqabdu mid-dwana

Matul is-sena li għaddiet, id-Dipartiment tad-Dwana f’Malta qabad 20 miljun oġġett foloz.
Dan ġie rrappurtat fi stqarrija mid-Dwana fejn elenkat uħud mill-oġġetti li nqabdu fl-aħħar sena.
Fost dawn, id-dwana tistma li nqabdu 19-il miljun u nofs sigaretti foloz, 162,000 toothbrush falza u 78,000 par żarbun falz.
Matul is-sena, uffiċjali tad-dwana jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq it-tagħbija li tidħol f’Malta.
Din il-kisba ġiet imfaħħra mill-Grupp Globali kontra l-Falsifikazzjoni, li poġġa lid-Dwana lokali bħala l-Korp Nazzjonali ewlieni fil-qasam ta’ kontra t-traffikar ta’ oġġetti foloz.
Fl-istqarrija, id-Dwana qalet li anke jekk hemm ħafna nies iqisu l-iffalsifikar bħala problema żgħira, din l-attività kriminali tipprovdi fondi lill-organizzazzjonijiet kriminali, tippromwovi fost oħrajn, ix-xogħol mit-tfal taħt l-età, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu.
Fost l-oġġetti nterċettati mid-Dwana, ieħed isib:
19.53 miljun sigarett falz,
162,000 toothbrush falza,  
78,000 par żarbun falz,
33,000 cover tal-mowbajl falza,
28,000 batterija falza tal-mowbajl,
24,000 biċċa tal-ħweġġej falzi,
7.800 arloġġ tal-idejn falz,
2,300 parts tal-karozzi u
1,500 earphones.